Dwar FPAS Malta
Servizz minn:
Is-Servizz ta’ Konsulenza dwar l-Ippjanar tal-Familja (FPAS) tnieda fl-1 ta’ Awwissu 2020. Huwa servizz b’xejn ipprovdut minn voluntiera favur l-għażla (pro-choice) u appoġġat minn tliet NGOs Maltin: Doctors for Choice Malta, Women for Women Foundation, u Women's Rights Foundation .
L-FPAS jipprovdi informazzjoni lin-nies f’Malta dwar is-saħħa u s-servizzi sesswali u riproduttivi, u jista’ jirreferik għand għaqdiet oħra li jkunu jistgħu jgħinuk aktar. Il-metodi ta' kuntatt preferuti tagħna huma permezz tat-telefon jew permezz ta' chat fuq din il-websajt.
Il-voluntiera tagħna jaħdmu xiftijiet ta’ ġimgħa li jibdew nhar is-Sibt, u għandna żewġ voluntiera kull xift. Dan ifisser li jekk tikkuntattjana aktar minn darba tista' tkun moqdija minn voluntier differenti.
Waqqafna FPAS għax in-nisa f’Malta sabuha diffiċli biex jiksbu informazzjoni fattwali u imparzjali dwar is-saħħa riproduttiva u s-servizzi ta' kura riproduttiva, u din ridna nibdluha. Il-missjoni tagħna hija li ngħinu lin-nisa* f’Malta jiksbu l-kura riproduttiva li għandhom bżonn, u li nagħtu s-setgħa lin-nisa jagħmlu l-għażliet tagħhom dwar ir-riproduzzjoni u dwar ħajjithom.
Biex titgħallem aktar dwar dak li nipprovdu u kif nistgħu ngħinu, jekk jogħġbok ikklikkja hawn.
* Għalkemm kultant nużaw it-terminu "nisa" biex nirreferu għall-klijenti tagħna, aħna noffru minn qalbna s-servizzi tagħna lin-nies kollha ta' kull orjentazzjoniji sesswali u identita' tal-ġeneru.